15 Nov
15Nov

Ħajti qatt ma kienet faċli. Ta’ ftit jiem ġejt imwarrba u mitfugħa fuq bankina, sakemm ftit ħin wara ruħ tajba sabitni u ħaditni l-għassa u minn hemm id-destin tiegħi nbidel. Trabbejt mas-sorijet fi stitut. 

Magħhom kont kuntenta, imma; għax dejjem hemm l’imma, ma kellnix dak kollu li tfal oħra fl-iskola tagħna kellhom. Kont ngħir meta kont nismagħhom jgħidu li l-ġenituri tagħhom xtrawlhom xi ġugarell sabiħ jew li ħaduhom xi mkien. Ta’ tifla li kont, anke jien xtaqthom dawn. Ċertu postijiet kienu biss fl-immaġinazzjoni tiegħi. Nhar ta’ Tnejn kont nintefa’ f’rokna waħdi ħalli kemm jista’ jkun ma kont nisma’ xejn. It-tfal tal-klassi kienu drawni u maż-żmien, il-ġenituri ta’ wħud minnhom kienu ftehmu mas-sorijiet biex joħduni għandhom għal tmiem il-ġimgħa. Vera kont inkun kuntenta. Għal ftit kont inħossni parti minn familja. 

Ta’ 18-il sena kelli nitlaq. Kienet iebsa għalija li nħalli nies li qattgħajt ħajti magħhom u l-post li għalija kien ifisser dar. Sibt appartament żgħir u kont naqsmu ma’ Kevin u Sue. Sue kienet miegħi fil-kors tal-Malti u meta semgħatni ngħid li qed infittex fejn noqgħod mill-ewwel offrietli biex immur noqgħod magħhom. Kevin kien ħabib tagħha li ftit snin qabel kien il-ġar tagħha u trabbew flimkien. Ħajti nbidlet kompletament, mill-kors kont nibqa’ sejra x-xogħol biex inħallas is-sehem tiegħi u kultant meta kien kolli ftit ħin vojt kont noħroġ ftit imma din kienet tkun vera rari. 

Jum fost l-oħrajn wasalt kmieni mix-xogħol u vera ma kelli aptit nagħmel xejn ħlief noqgħod għal kwiet. Dak inhar kien kelli xi ngħid ma’ l-imgħallem. Kont naf li kellu grazzja miegħi u għax ma tgħajtux il-wiċċ beda jsibli x-xagħra fl-għaġina. Xegħelt it-television u kien qed jagħmel ‘The little Rascals’ u ntfgħajt narah. Erġgħajt mort lura meta kont ngħix l-istitut, konna noxgħew narawh. Fil-kamra daħal Kevin u poġġa bilqegħda ħdejja. “Sue hawn?” 

“Għadha ma ġietx.” 

“Kmieni llum.” 

"Iva, ma kellnix daqshekk xogħol u tlaqt kmieni." 

"Tajjeb, għax lilek ma tantx narak hawn." Komplejt nara l-film, tantx kelli aptit kliem. "Nagħmillek x'tixrob" 

"Le, grazzi. Nara dan u nidħol inkompli nistudja." 

Qam u mar fil-kċina, ġie lura b'flixkun inbid u żewġ tazzi. Ferra' u newwilli waħda. "Le, grazzi ma nixrobx." 

"U ejja, tazza nbid qatt ma qatlet lil ħadd." 

"Le, vera ma rridx." 

"Ok f'idek," qalli waqt li qabbad it-tazza ma' ħalqu. Komplejt nara l-film u Kevin baqa' hemm ħdejja. Sakemm kien qed jagħmel ir-riklami kien ġa battal flixkun. Xtaqt inwaqqfu imma min kont jien biex indaħallu x'jagħmel b'ħajtu. Qomt nagħmel belgħa kafe u għamiltlu miegħi. Erġgħajt lura fuq is-sufan u għamilt l'mug fuq il-mejda. "Ara tgħid grazzi," għidt f'qalbi. Rajtu jħares lejja, "taf kemm int ħelwa," qalli. Ħasadni. Resaq viċin u prova jbusni. Imbuttajtu, "x'int tagħmel?" 

L-aptit tal-film marli u qomt biex immur f'kamarti, "fejn sejra?" Staqsieni. "Il-film għadu ma spiċċax." Ma kkalkulajtux u bqgħajt miexja. Bla ma naf kif sibt ruħi mitfugħa fuq is-sodda b'Kevin fuqi, għalxejn pruvajt nissielet miegħu ma' stgħajtx inlaħħaq miegħu u fi ftit ħin għamel li ried bijja.  

X'ħin ġiet Sue sabitni f'kamarti nolfoq. Bdejt nibża' ngħidilha x'ġara. Bżajt li tkeċċini, fejn noqgħod ma kellix u ddeċidejt li nagħlaq ħalqi. "Iva, Lea, għidli x'ġaralek? Jekk ma titkellimx ma nistgħax ngħinek." 

"Xejn, Sue, Xejn. Irrid noqgħod waħdi." 

Ħarġet mill-kamra u ħallietni waħdi. Xi siegħa wara għajtitli għal ikel imma l-istonku kien għalaqli, u kif stajt niekol fuq mejda ma' min kien għadu kif abbużani. 

Matul il-lejl bilkemm irqadt, għalkemm sakkart il-bieb biċ-ċavetta xorta bdejt nibża'. Kien hemm ħsejjes mhux tas-soltu u ftit wara rajt ittra għaddejja minn taħt il-bieb ta' kamarti. Bqgħajt kif kont ma ċċaqlaqtx. 

Filgħodu, kif stembaħt min-nagħasa li kont ħadt, mort nieħu shower. Lura f'kamarti, Sue infurmatni li matul il-lejl Kevin kien telaq. M'għidtilha xejn u dħalt lura f'kamarti, ġbart l-ittra minn ma' l-art u ftaħta. 

Leanne, 

Nixtieq niskuża ruħi għal mod annimalesk li użajt fuqek. Ma nafx x'fettilli. Aħfirli Lea. Jien se nitlaq minn hawn, mhux biex naħrab l-aġir tiegħi imma biex naffaċjah. Sejjer  għal programm kontra l-alkoħol.  

Aħfirli Leanne. 

Kevin. 

Sue daħlet fil-kamra," X'ġara l-bierah Lea?" 

"Xejn. Insa Sue." 

"Kevin, qalli biex nieħu ħsiebek." Erġgħajt għixt kull ma ġara l-jum ta' qabel u bkejt. Tgħajta l-ittra u ma kellix bżonn nispjegala iktar. Għannqitni magħha u sabbritni. 

Illum disa' xuhur wara tgħajt id-dawl lil Milena. Hekk kif tgħawili f'idi ħabbejtha iktar minn qatt qabel. Ħarist lejha u bid-dmugħ f'għajnejjha wegħdta li jien se nkun hemm għaliha. Lili tefgħawni fuq bankina, imma jien kont se nżommha f'dari u f'qalbi. Kont ħa nkun hemm għaliha. Lil Kevin ħfirtlu, kien fadallu xahrejn oħra biex joħroġ imma l-ebda Kevin ieħor ma' kien se jidħol f'ħajjitna 

Kri 

23,08,17

Comments
* The email will not be published on the website.
I BUILT MY SITE FOR FREE USING