04 Sep

Davida. Isimha biss kien iqabbadni l-bard. Kont nieħu qata' hekk kif kien idoqq it-telefown u nisma' leħina. Kienet iċċempel kuljum. Sinċerament għadni s'issa ma nafx minn fejn ġabitu numru tiegħi għax jien lanqas biss qatt ma tgħajtulha. Anke biex immur nixtri biddilt il-ħin biex żgur ma nsibix ma' wiċċi. Imma hi ma kien jaħrabiha xejn, kienet taf kull pass li nagħmel, fejn kont immur, ix-xirja li kont nixtri u saħansitra anke xi nkun sajjart. 

F'kelma waħda kienet trawma kehra. Nistħajjlek tistaqsini, din Davida min hi? Ħa ngħidlek tinkwetax. Davida kienet waħda li kienet toqgħod fit-triq ta' warajja u li n-nies tar-raħal kienet tafha u tiskarta għax ma kien jaħrabilha xejn. Li ħadd ma kien jaf, kif din Davida kienet iġġib l-informazzjoni. 

Biex inkun għidt kollox, għalkemm kienet tagħmilli demmi ilma kultant kienet iġġibli tbissima. Mhux l-ewwel darba kont insib xi ktieb wara l-bieb u xi Nota miegħu, "dan għadu kif ħareġ, żgur m'għandekx." 

Kienet fitta ta’ vera, imma qalbha tajba. U għalkemm kienet tkun taf kollox ma kinitx persuna li sseksek fuq in-nies. Meta kienet tkellimni kienet tgħidli affarijiet fuqi li nkun għamilt jien, qatt ma qaltli l-abarijiet tar-raħal. Ħlief biex tfakkarni li jkun hemm xi attivita'. Imma dik kienet Davida. 

Illum ġrat ħaġa stramba, ma ċemplitx. Ma kienx soltu tagħha. Hekk kif għidt lil żewġi baqa' mbellah iħares lejja. " Ejja fl-aħħar qatgħat qalbha." 

"Ma nafx, qed nibża' li ġralha xi ħaġa." 

"U xi tridu jiġri, jew weħlet tparla ma’ xi ħadd, jew sabet xi vittma ġdida." 

"Imma kemm ilna ngħixu hawn qatt ma falliet ġurnata, għax meta noħorġu, mill-ewwel  iċċempel x'ħin nidħlu." 

"Ara vera ma nifmhekx lilek ta'. Flok tirringrazzja l'Alla li ħlist minnha qed tgorr għax ma ċemplitx. Mur u ċempliha int." 

Kif qalli hekk, inħsadt. Jien lanqas biss kelli numru tagħha, qatt ma tlabtulha. U għalfejn nitlobulha jekk kienet iċċempel kuljum hi? " Ara Patrick, ħa neqliblek u mmur ħarba nħabbtilha. Jien numru tagħha m'għandix." 

"Int bis-serjeta'? Ara vera ħa tbellaħni lum." Injorajtu u kif qegħedtlu l-platt quddiemu, qbadt iċ-ċwievet u tlaqt għal għand Davida. Kif wasalt ħabbatilha imma ma smajt l-ebda tweġiba. Fil-pront għaddiet Lisa u baqgħat iċċassata tħares lejja u minn faċċata staqsietni, "Ġralek xi ħaġa Sil?" 

"Lil Davida rajtha lum?" 

"Le ta'. Għandek bżonn xi ħaġa?" 

"Qed nibża li ġralha xi ħaġa. Kemm ilni ngħix hawn ċemplitli kuljum, imma lum ma ċemplitx u tħassibt." 

"Ma nafx x'se naqbad ngħidlek." 

"Ħa mur l-għassa nagħmel rapport."  

"Tridni niġi miegħek?" 

"Le, m'hemmx għalfejn." 

Tlaqt lejn l-għassa u l-pulizija ma ngħidlekx ġibduli saqajja hekk kif għidtilhom li qed ninkwieta ħabba Davida. Imma wieħed minnhom ma ħadix b'ċajta. "Jekk Silvana qed tgħid li Davida s-soltu ċċempel kuljum u lum naqset milli tagħmel dan, xi ħaġa nqala’ żgur. Imxu." 

Bqgħajt sejra mal-puluzija sad-dar ta' Davida u bħali ħabbtu u baqgħu bla risposta. "X'se nagħmlu sir?" Staqsha puluzija li kien għadu kif laħaq. In-nies bdiet tinġemgħa fit-triq għax Lisa kellha ħalqha daqs ta' papra kbir. Jekk Davida ma kinitx tgħid fuq in-nies, Lisa kienet ġa xandret l-aħbar mar-raħal. 

"Jien ta' l-idea li nisgussaw il-bieb." 

"U jekk hi rieqda?" 

"Kieku ma semgħatnix." 

"Tassew, għandek raġun." 

"M'hemmx x'nagħmlu nisgussaw il-bieb." 

In-nies bdiet tgedwed u kulħadd beda jgħid tiegħu. Lili għamluli sinjal biex nersaq fil-ġemb imma hekk kif kienu se jisfrundaw il-bieb instemgħet Davida tgħajjat. “X’inhu jiġri hawn?” Kulħadd baqa’ ċċassat iħares lejha u hi mhux inqas hekk kif rat il-puluzija wara bieba. L-ispettur spjegala x'kien ġara u hi spjegat kif oħtha kienet l-isptar u marret iżżura ftit. 

Wara l-ġenn u l-paniku li qlajt, Davida anke jekk tkun sejra tixtri saret iċċempilli. Imma għalkemm iddejjaqni, hekk żgur isserraħli moħħi. 

Kri 

 04.09.17

Comments
* The email will not be published on the website.
I BUILT MY SITE FOR FREE USING