Ġurnata mistrieħ?
Kienet ġurnata taqli l-ġrieden u Patrick u jien iddeċidejna li nieħdu tfal ġurnata baħar. Tista' timmaġina wiċċhom kif xegħel hekk kif għidnilhom. F'daqqa waħda beda l-ġiri fil-kmamar tas-sodda u mad-dar kollha biex jaraw x'se jġibu magħhom. Ballun, lajlo, noodles, kopp u barmil. Patrick laħaq mar ġab l-umbrella minn fuq ir-raff u jien lestejt il-ħobż biż-żejt u x'nixorbu u basket ieħor bix-xugamani u 'sunblock'. Imsomma ġurnata baħar kienet qisha sejrin xi ġimgħa vaganza.
Patrick mar iġib il-karozza mill-garaxx u aħna ilħaqna ħriġna l-affarijiet barra. It-tfal bdew joqomsu ħdejja, kienu bla sabar. Mur ġibna ma konnix noħorġuhom x'kienu jagħmlu.
"Ġej il-papa," bdew jgħajtu t-tfal kollha entużjażmu. Vera bdejt niggusthom, imma tbissima minn fuq wiċċi għebet hekk kif fuq quddiem, bilqegħda ħdejn Patrick nara lil Davida. Wiċċ Patrick mhux li kien kuntent.
"Haw Sil, qalbi. Rajt lil Patrick u kif sejrin sal-baħar għidtlu biex niġi ftit magħkom. Iddejjaqt dejjem ġewwa."
Kellha ħabta kif tħallini bla kliem. Fil-pront ħarset lejn it-tfal u qaltilhom, "ejjew sbieħ itilgħu, ħa mmorru ngħumu flimkien. Iz-zija Davida ġejja magħkom." Teptipt għajnejja u berraqthom, "Jien qed nisma' sew, iz-zija? Minn meta saret iz-zija?"
"Silvana, ħanini, int se tibqa' hemm ejja itla' ħa mmorru."
Bħaċ-ċuċ blgħajt ilsieni u rkibt wara Patrick li dak il-ħin wiċċu kien abjad karti u mill-ħarsa li beda jagħtini indunajt li ma kienx qed jieħu gost. U wiċċu kompla jibjad hekk kif daret fuq it-tfal u qaltilhom, "Issa sakemm naslu, noqgħod inkantalkom."
U kif fetħet dak il-ħalq stħajjilt li ġiet ċawla fil-karozza.
"Maaa, waqqafha," karbet Michaela. Il-paċenzja tiegħi bdiet tintilef u "Davida ħi, Patrick mhux jikkonċentra. Tista' tieqaf ftit għax se tħabbtu."
Waqt li tagħtu daqqa fuq spalltu qaltlu, "Għalfejn m'għidtlix Patrick ħi?"
"Daviddddaaa. Bil-mod għax se tħabbatni."
"Għandek raġun qisni l-imferfxa."
Minn hemm u minn hawn wasalna b'wiċċ il-ġid. Niżżilna l-affarijiet u sibna rokna biex noqgħodu fiha. It-tfal erħilhom jiġru fuq ir-ramel u f'ħin minnhom ħadu l barmil, il-pala u raxketta biex jagħmlu kastell. Vera ġġustajthom, għal darba lagħabu flimkien bla ma ġġieldu. F'ħin minnhom ġie Gabriel ħdejna, "ma nistgħu ninżlu ngħumu?"
"Inżlu imma oqgħodu fejn narakom."
"Ħa ninżel jien magħkom," qallhom Patrick.
"Yaaayyyy, Mich, ġej il-papa' magħna."
It-tifla ġiet tiġri tifraħ u qabżet fuq missierha. "Ma, inżel magħna int ukoll." Qomt minn fejn kont u ddeċidejt li ninżel ftit. "Jien ma nafx ngħum,"qaltilna Davida, "Issa mbgħad niġi nċafċaf ftit saqajja." Ħadt ir-ruħ u nżilna aħna flimkien vbħla familja. Vera ħadna gost u tfal xalata jixxadinjaw jaqbżu minnfuq missierhom. "Mich, arani x'se nagħmel." Għajjat Gabriel waqt li għamel kutrumbajsa. Hi ta' bassa li hi pruvat imma belgħatha. Erfgħajniha minnufih u kienet se tibki. "Ejja l'fuq ħa tixrob ftit u jekk toqgħodu bravi wara li tieklu nixrulkom ġelat,"qallhom Patrick.
"Iva nitilgħu għax għandi l-ġuħ," qalet Michaela. "Għaddielha l-biki," inkiha Gabriel. "Uff, pa għidlu." Jien u Patrick infqgħajna nidħku. "Ejjew, ħa tieklu. Min jasal l-ewwel ikun re jew reġina," għidtilhom waqt li tlaqna niġru. U d-daħk tiegħi kollu għeb hekk kif wasalna fejn kellna l-affarijiet, sibt lil Davida b'ħobża f'idha u waqt li kienet għadha tomgħod qaltli, "Jien għint ruħi. Vera niżilli għasel dal-ħobż biż-żejt." Ħarist lejn Patrick u kif ftaħt il-cooler bjadt, kull ma sibt kien żewġ panini. "Dawn biss fadal?"
"Mhux bilfors, il-baħar fetaħli l-aptit u dal-ħobż li għamilt int, vera tajjeb."
"U aħna?"
"U ija, issa t-tfal agħtihom dawk iż-żewġ panini u Patrick mhux se joqgħod jitqammel imur jixtri xi ħaġa għalik u għalih."
Kelli qalb niżbrana imma żammejt il-paċenzja u Patrick rajtu miexi għal karozza. Anke l-paċenzja tiegħu kellha limitu. Wara xi kwarta rajtu ġej b'żewġ tazzi ġelat għat-tfal, "Grazzi pa, "qalulu tnejn kuntenti. "U tiegħi fejn hu?" staqsiet Davida. "Tiegħek mur ixtrih," weġibha Patrick irrabjat. Rajtha tħares lejn it-tfal u wara ftit ħarġet il-portmoney u bla kliem u bla sliem telqet tixtri ġelat.
Rajt lil Patrick jiġbor l-affarijiet, "x'se tagħmel?" Staqsejtu. "Ħa mmorru bajja oħra."
"U Davida?"
"Davida tafha t-triq għar-raħal."
Kri
16,09,17