05 Sep

Stedina 

Kienu s-siegħa ta' wara nofsinhar u bħal dejjem f'dan il-ħin intfgħajt ftit fuq is-sodda biex nistrieħ ftit qabel jiġu t-tfal mill-iskola. Patrick, kien jispiċċa fil-ħamsa u konna nieklu flimkien eżatt wara li jieħu banju. It-tfal dak il-ħin ikunu diġa lesti għax konna ħadna drawwa li għalinqas inqattgħu mqar siegħa kuljum flimkien. 

Il-lejla kellna f'moħħna li nmorru dawra sa Ħad-Dingli u ninżlu nippassiġġaw flimkien. Imsomma nippassiġġaw kont diġa naf li rrid inlesti l-garġi għax la Micheala u lanqas Gabriel ma kienu ħa jifmhu l-kelma tiġrux. Tbissimt, vera li kienu mqarqċin imma kont inħobbhom daqs dawl għajnejja u ħajti kienet mimlija bihom.  

Xegħelt ftit it-televiżjoni biex nara x'hemm u fl-istes ħin forsi għajnejja tmur ftit bijja. Imma għal lum qisu ma kienx hemm mistrieħ għax kif eżatt kont se nidħol fid-dinja tal-ħolm smajt il-bieb iħabbat. Għal ewwel ħsibt li qed immaġina imma meta erġajt smajtu qomt minn fejn kont, ilbist il-papoċċ u mxejt lejn il-bieb tal-gallarija li kellna fil-kamra tas-sodda u li kienet tiġi eżatt fuq il-bieb ta' barra. "Min?" staqsejt. "Sil, jien, Davida." Ħadt qatgħa. "Alla magħna, xi trid din issa?" Għidt f'qalbi. "Ġejja." Dħalt ġewwa u nżilt isfel niftħilha.  

Hekk kif ftaħt il-bieb kienet pronta daħlet ġewwa bla lanqas biss stedinta. "X'ġara Dav?." 

"Ġejt ngħidlek grazzi talli ħadt ħsiebi." 

"Mhux ġa għidtli fuq it-telefown." 

"Iva, imma xtaqt nerġa' ngħidlek personalment. Nixtieq nistidinkom għal ikel il-lejla." 

"Skużani imma lum vera ma nistgħawx, l-ikel ġa lest u t-tfal wegħdnihom li se noħorġuhom." Ħsibt li se naraha ddiżżappuntata imma għarrali għax fuq wiċċha rajt tbissima. "Tajjeb," qaltli wara ftit. "Ħabat tajjeb li ġejt nistaqsik u li ma lħaqtx sajjart għalxejn. Mela ħa ngħidlek x'nagħmlu." Bqgħajt inħares lejha u, "Ejja ma ħaditix ħażin. Issa nispera ma dumx forsi nistrieħ ftit," għidt f'qalbi. "Mela issa la ġiet hekk, nerġa niġi jien fil-ħamsa, x'ħin jiġi Patrick u niekol magħkom. Int xi ftit ikel żejjed dejjem tagħmel għax dejjem narak titma l-klieb ta' barra milli jkun fadallek. U wara kif inkun fiż-żifna noħroġ magħkom ukoll. Naf li tirrispettani u mhux se tgħidli le. Anzi minn qalbi ngħidlek grazzi bil-quddiem. Ħallejtek, narak il-lejla." U f'radda ta' salib telqet minn quddiemi u ħalliet lili bla kliem. 

Kri  

05,09,17 

Comments
* The email will not be published on the website.
I BUILT MY SITE FOR FREE USING