21 Nov

Il-Preparamenti tat-Tieġ 

It-tieġ ta' Davida u Pawlu kien fuq fomm kulħadd. Min kellu jgħidilna li fl-aħħar anke hi kienet se tagħmilha? Kienet fis-seba' sema u jekk is-soltu kienet iċċempel għal kull ħaġa ta' xejn, issa it-telefown faqgħatuli biex tgħidli kull pass li kienet qegħda tagħmel. 

M'għandniex xi ngħidu, għat-tieġ kienet ġa qalet li se tistieden ir-raħal kollu, imsomma kollu, minbarra lil Karmni. Lil Karmni lanqas b'isimha ma riedet tisma', aħseb u ara kemm riedet taraha b'għajnejha. Għalxejn il-kappillan u Pawlu ppruvaw idawrulha fehmtha għax ma riditx taf. "Li kien għaliha firditna," qaltli jum fost l-oħrajn meta għal għarrieda sibtha ma' wiċċi.  

"Imma ġara bil-kontra, għax bis-saħħa ta' Karmni, Pawlu, flok telaq irid iżżewġek," għidtilha jien. 

"Jiġifieri int ukoll! Qed tgħidli biex nistedina?" 

"Jien li qed ngħidlek x'ġara, ma nistax nobbligak lil min tistieden." 

"Imma qisek qed taqbel magħhom ukoll." 

"Iva, Dav jien fit-tieġ tiegħek mhux se nindaħallek. Jien anke mill-ġenn tal-preparamenti tiegħi ridt neħles, aħseb u ara." 

"Għamilli kafe, ħalli issa nibqa' sejra ma' Pawlu nġibu l-inviti, ħa nqassmuhom malajr. Iż-żmien qed joqrob." 

"Imma dawk xi tlett ġimgħat qabel tqassamhom, Dav ħi." 

"Ma jinteressanix irrid lil kulħadd preparat." 

"Tinkwetax, ħadd mhu ser jinsa' t-tieġ tiegħek. Il-permess ġibtu mill-għassa?" 

"X'permess hu?" 

"Biex tingħalaq il-pjazza." 

"U għalfejn il-peremess ngħid jien? Mhux ir-raħal kollu se jkun hemm? M'jien se ntellef lil ħadd." 

"Imma l-pjazza mhux tagħna, Davida ħi." 

"Jien ma nafx dal-paniku kollu biex nagħmel it-tieġ fil-pjazza. Isma' Sil, tmurli ftit int u tispjega ftit lill-pulizija għax jien ma nafx x'ser naqbad ngħidilhom." 

"Dak suppost mort għalih qabel ma lestejt l-inviti." 

"Għaliex?" 

"Għax jekk ma jagħtuhulekx x'ser tagħmel?" 

"X'jiġifieri? Jekk filkas niġi miegħek jien u tara kif tiegħi tgħaddi." Il-ħsieb li tiġi miegħi m'għoġobnix, għax kont naf x-xenata tagħmel biex tgħaddi tagħha, "Ħalli f'idi Dav, issa mmur jien u naraw." 

Smajt il-qanpiena tal-bieb. "Naħseb ġie Pawlu għalija. Ħallejtek Sil, mela l-permess f'idek," u telqet 'il barra. Hekk kif għalqet il-bieb warajha tlajt fuq inbiddel biex immur l-għassa. "M'hemmx x'tagħmel Sil, la għandek ħalqek kbir ikollok tmur int." 

Qabel tlaqt iċċekkjakt x'għandi bżonn ħalli wara nibqa' sejra nagħmel ix-xirja. Kif ħriġt mill-bieb rajt lil Karmni faċċata tiegħi, baxxejt rasi taparsi ma rajthiex u bqajt miexja.  

"Silvana," smajtha s-sejjaħli. Ma stajtx nilgħaba li ma smajthiex għax kull ma kienet xi erbgħa passi 'l bogħod minni. "Għandek bżonn xi ħaġa?" 

"X'riedet Davida?" Ħasditni, kien fatt magħruf li hi sendikajra imma mhux li tistaqsik b'mod daqshekk dirett. "Xix?" staqsejtha mistagħġba. 

"Rajt lil Davida ħierġa mingħandek, x'riedet?" 

"Skużani Karm, imma m'hi biċċa ta' ħadd x'inkun qed nagħmel jew ngħid fi ħwejġi." 

"Mhux se tgħidli?" 

"Saħħa Karm." U mingħajr ma qgħadt naħsibha bqajt sejra.  

L-għassa ma domtx għax kif lil pulizija għidtilhom għalfejn kont mort qdewni mill-ewwel, anzi kont sorpriża għax il-permess kienu qasmuh bejniethom bħala rigal għal Davida. Kif ħriġt bqajt sejra għand Mananni nagħmel ix-xirja. 

"Bonġu Sil, kollox sew?" staqsietni hekk kif dħalt. "Mhux ħażin għall-grazzja t'Alla, imma bħas-soltu ma nieqfux." 

"Sewwa qed tgħid. Anzi int ma taħdimx bħali, tifhimnix ħażin ta', imma x-xogħol tad-dar irrid nagħmlu wara." 

"Għandek raġun Manann, imma jien bit-tfal ma nieqafx minuta bl-affarijiet li jaqilgħu." 

"Nista' nimmaġina ħi, imma għal grazzja t'Alla għandek familja sabiħa." 

"Nirringrazzjak, Iva m'għandix xi ngorr." 

"Isma' Sil, għax se nibqa' ninkwieta, int kellek x'inkwiet?"  

Ħasditni. "Inkwiet? Le, ta'. Jien mhux dejjem id-dar." 

"Skużani li ndħalt, imma ftit qablek ġiet Karmni u qaltli li ratek ħierġa mid-dar imgerfxa u bqajt sejra l-għassa." 

"Serraħ rasek Manann, vera li bqajt sejra l-għassa, imma kulma ridt informazzjoni. Rajta ja ma nafx xix, dik ġiet titkixxef u għax ma tajthiex sodisfazzjon fuq li riedet ġiet tipprova tħammiġni." 

"Iktar jien belha, lanqas li ma nafx x'int x'kull waħda ġejt nistaqsik." 

"Tagħtix kas, lanqas ma nafx li int biex tgħin staqsejt." Komplejt ix-xirja u wara li ħallastha tlaqt lejn id-dar. Kont irrabjata, dik Karmni f'kull toqba tipprova ddaħħal imneħirha, imma ħażin għaliha jekk tipprova taqbad ma' familti. 

Erġajt rajtha ħdejn id-dar imma għalxejn għajtitli għax bqajt dieħla. Hekk kif dħalt daqq it-telefown u mort nirrispondih. "Hawn Sil, wasalna aħna, taf kemm ġew sbieħ hux. Kont ġejja s'għandek imma rajt lil dik l-ixkupa u bqajt ġejja d-dar." 

"Iva, ilha ġurnata tħuf 'l hawn. Qisha għassa mal-bieb." 

"Ħażin, għax illum irrid inqassamhom." 

"Bilħaq, għax kont se ninsa, l-għassa mortlok u kollox sew, ikollok ċans mur irringrazzjhom għax iI-permess qasmuh il-pulizija bejniethom." 

"Ara xi ħlew kemm huma minn tagħna. Issa ngħid lil Pawlu u morru s'hemm." 

"Ħallejtek Dav, ħa mmur insajjar." Hekk kif qgħedt ir-riċevitur f'postu, it-telefown reġa' daqq. "Min?" 

"Sil, jien Patrick. Isma' qalbi, ħa nispiċċa kmieni jien. It-tfal ħa niġborhom jien." 

"Grazzi ħafna Pat, imn'Alla għax waqajt ftit lura llum." Qtajna u mort fil-kċina biex nibda nsajjar. Iddeċidejt li nagħmel lażanja, l-ikla favorita ta' żewġi. Patrick kien raġel ideali, kieku kelli ndur id-dinja żgur ma kontx se nsib ieħor bħalu. Kien jagħmel kollox għalina biex jarana kuntenti. 

Kif lestejtha ħallejtha toqgħod u mort nilħaq infarfar u niknes. Fin-nofs siegħa qegħdta fil-forn u komplejt it-tindif. Lestejt bl-eżatt kif smajt l-arloġġ tal-forn idoqq. "Kemm int tajba Sil, eżatt fil-ħin," U kif ħriġtha feġġet tbissima għax smajt il-bieb jinfetaħ u daħlu Patrick u t-tfal. "Aħħ lażanja lum, Gab." 

"Dik il-favorita tal-papa'. Pa, ara x'għamlitlek il-mama' llum."  

Rajtu jitbissem imma fl-istess ħin rajtu qisu mgerfex. "Kollox sew qalbi?" staqsejtu.  

"Iva, grazzi  tal-ikel." Dar lejn it-tfal u qalilhom. "Isa morru lestu l-homework ħalli tibred u nieklu. 

Hekk kif it-tfal telgħu fuq Patrick ġie ħdejja,  kien jidher imħasseb. "Qalbi, int kollox sew?" 

"Iva, ħi." 

"X'ġara ma' Davida?" 

"Xejn, ħi. Li naf għandha tiġi lejla bl-inviti." 

"Żgur?" 

"Iva, għala qed tistaqsini?" 

"Għadni kif iltqgħajt ma' dik il-ġdida u qaltli li dalgħodu ftit wara li ħarġet Davida minn hawn, ħriġt int u bqajt sejra l-għassa u ftit wara li dħalt int, Davida u Pawlu marru l-għassa ukoll." 

"Issa qed nifhem, poġġi bilqegħda ħa nispjegalek kollox." Kif lil Patrick fehmtu x'kienet il-biċċa tgħidx kemm daħak. "Mur għidilha x'inhi l-verita'. Imma biex inkun sinċier ħasditni għax tqabbiżhomlna kemm tqabbiżhomlna, issa saret parti minn ħajjitna." 

"Eżatt." Il-qanpiena tal-bieb reġgħet instemgħat idoqq. "Min?" 

"Jien u Pawlu." Patrick qam minn fejn kien u mar jiftaħ. "Ara, dan x'kien kmieni?" Smajtha tistaqsih.  

"Iva, Dav, ħa tikkmandah xħin jiġi mix-xogħol?" 

"U int ma tafx Pawl, dak dejjem xi l-ħamsa jasal." 

Waqt li smajt din id-diskursata tbissimt, "unika," għidt f'qalbi. "Wasalna Sil, ħa npoġġu aħna." 

"Poġġu. Poġġu." 

"Ġibnilkom l-invit aħna." 

"Grazzi ħafna," għidnielha Patrick u jien. "III x'naqra ta' lażanja għamilt, hemm xi biċċa żejda għalina?" 

"Davida!" ħatafha Pawlu,  

"X'ġara?" 

"Mela int hekk?" 

"Ara l-ieħor x'inhu ħelu, dawn qishom tal-familja ta'." Ħarist lejn żewġi u rajtu jitbissem minn taħt. "Ħa mmur ngħajjat lit-tfal ħa nieklu flimkien. Sil, tilħaq telqeb ħi?" 

Il-lażanja niżlet għasel u Patrick u Pawlu ħadu darbtejn. "Illum żgur ma fadallekx żejjed għal annimali," qaltli Davida.  

"L-aqwa ma ntremietx," weġibha Patrick.  

Qamet minn mal-mejda u. "Isma' aħna se nħallukom ħa nmorru nkomplu nqassmu. Ejja Pawl għax fadlilna xi nduru." Pawlu baqa' jħares lejha.  

"Mur Pawl tħallix lil Davida tistenna," qallu Gabriel bid-daħka.  

Patrick tah ħarsa biex jiskot imma t-tfal xorta baqgħu jidħku. 

Kif telqu 'l barra Michaela u Gabriel qamu jaħslu l-platti u jien il-kurżita' għelbitni u ftaħt l-invit. Patrick mid-dehra bħali kien qed imut u ġie ħdejja biex jarah. Vera kien invit sabiħ bil-parċmina u żigarella. Imma ġewwa kif ftaħnih waqgħat karta u fiha bil-kitba ta' Davida sibna. 

 "Grazzi ta' kemm tieħdu ħsiebi u tħobbuni. F'din il-ġurnata speċjali naf li m'intomx se tonqsu u li se tkunu hemm biex tifirħu miegħi u ma' Pawlu. Naf ukoll li peress li tirrispettawni qed taħsbu x'rigal tistgħu tgħatuna, għalhekk fl-invit ħallejtilkom il-kont tal-ikel tat-tieġ u b'hekk tkunu tgħajtuna l-isbaħ rigal." 

Jekk qabel konna ħa mmutu bil-kurżita' issa konna ħa mmutu bl-attakk tal-qalb. 

19,10,17 

Kri 

 

Comments
* The email will not be published on the website.
I BUILT MY SITE FOR FREE USING