02 May
02May


Davida u l-pirmla

Wara li werwret nofs Għawdex u spiċċat fuq il-gażżetta bil-praspura li għamlet f'qamar il-għasel, Davida kellha sebgħa mitt sena biex tiġi lura r-raħal. Riedet isserraħ moħħha qabel xi ħadd jinduna li kienet hi u tiġi fl-inkwiet. Li ma kinitx tistħi waħħlet kollox f'Michaela.  
"Kollu tort tagħha u l ''hallowen'. Ivvintatli festa li ma teżistix." Kienet qaltilna. U b'ħafna biki u twerżieq Michaela qaltilha,
"Iva, vera teżisti, il-Miss ma tigdibx. U tfal jitolbuk il-ħelu."
U għalxejn pruvajna nfehmuha li t-tifla kellha raġun u li hi kienet fattritta mill-ftit li kienet semgħat għax naħseb m'għandix għalfejn ngħidilkom li jekk jidħol fellus f'moħħ Davida ħadd ma kien se joħorġu. U wara dan il-ġenn kollu, Pawlu ġegħelha twegħdu li qabel tkun se tagħmel xi ħaġa kellha tiddiskutija miegħu.
It-tifla tant ħadita bi kbira u lil Davida ma riditx tkellima. U jekk Davida kellha rasha iebsa Michaela ma kienet xejn inqas minnha.
Tmiem il-ġimgħa tar u erġajna lura d-dar. Fir-raħal kien qisu l-lejl tal-festa daqs kemm kien hemm nies barra biex jerġgħu jilqgħu lil Davida. Ma naqsax li jkun hemm Karmni ukoll bilqegħa fuq l-għatba, forsi ma tafx kif jiġri xi ħaġa u tkun tista' tieħu gost li xxandara.
"Jien għandi nagħas," qaltli Michaela.  
"Dan x'kien mhux soltu tiegħek? Ħa noqgħodu ftit ieħor u nidħlu."
"Uff, jien irrid nidħol."  
Wara ftit indunajt li Michaela ma riditx toqgħod hemm għax kienet għadha iffastidjata minħabba Davida. Vera li kienet għada żgħira imma l-karattru tagħha kien ġa jurik.
L-għada filgħodu qomna ftit tard iktar mis-soltu peress li t-tfal ma kellhomx skola u biex inkun għidt il-verita' kien il-ħoss tat-telefown li qajjimni,  
"Min hemm?" Staqsejt .
"Hawn jien Sil."
"X'ġara Dav?"
"Taf li Michaela kellha raġun. Dal-lejl ġew xi erba' darbiet iħabbtu għal ħelu u mn'Alla kelli għax ma ridx li jgħamluli xi ċajta."
"Nafu li kellha raġun u jekk tiftakar sew għamilna ma nafx kemm nippruvaw infehmuk."
"U ija issa għaddiet."
"Ħallik minn għaddiet Dav, għax jekk għalik għaddiet għaż-żgħira għadha le."
"III din kemm tieħu għaliha mix-xejn."  
Kont ħa ninfaqa' nidħak, "Ara min irid jipponta subgħajh ukoll!" Għidt f'qalbi.
"Dik tfal hi."
"U ijja, issa nżgħejjel ftit biha u tara kif jgħaddila. Ħa nħallik Sil għax irrid immur ħarba s'għand it-tabib dalgħodu għax dal-lejl qisu kelli n-nemel iduru miegħi u ma stgħajtx norqod bil-ħakk."
Ftit wara li qtgħajt minn ma' Davida tlajt fuq biex inqajjem lit-tfal u ħadt qatgħa. Michaela kienet qabdita l-ġidri riħ. Qabadni paniku u ċempilt niġri lil Patrick.
"Issa li hemm hemm Sil, ma tista' tagħmel xejn."
"Imma Gabriel erbat ijiem oħra għandu xi testijiet."
"Ħu paċenzja ċempel lil oħti ara żommulnix hi."
"Pat imma oħtok għandha kedda biex iġġib lit-tifel hawn kuljum."
"Iva, m'għadditlix minn moħħi."
"Stenn issa nċempel lil Davida forsi taqdina hi."
"Tajjeb, ma naħsibx se tgħidlek le. Ħa naqta' Sil għidli kif tibqa'."
Davida kienet qisha għassa tiegħi, għax eżatt kif qtgħajt minn ma' Patrick reġgħet ċemplet, "Hawn Sil, m'għandi xejn ħlief allerġijja, issa tagħni l-pirmli u nibda' nieħu waħda filgħodu u oħra filgħaxija."
"Tajjeb Dav. Isma' għax għandi bżonn pjeċir mingħandek. Għandi l'Michaela ma tiflaħx, ma żżommlix ftit lil Gabriel hux biex ma jittiħidx?"
"III bil-qalb kollha, ilħaq lestilu l-ħwejjeġ ħa niġi għalih."
"Grazzi Dav, għax ma rridx intelliflu skola għalxejn."
F'inqas minn kwarta Gabriel kien fi triqtu għal għand Davida. Mhux li kellu xi ħeġġa imma ma kienx hemm triq oħra. Qalbi ħassejta tingħafas, imma aħjar hekk milli jimrad u nispiċċa nfalilu l-iskola.
L-għada filgħodu waqt li kont qed inlesti l-fatra għal Michaela irċievejt messaġġ mill-iskola li Gabriel ma kienx attenda. Minnufih ċempilt lil Davida.
"Min hemm?" Wiġbitni Davida minn naħa l-oħra.
"Silvana. Int għadek tqum?"
"Hawn Sil, x'inqala'?"
"Ċempilt għax bagħtuli mill-iskola."
"Il-allu għamlitili l-pirmla. Lanqas biss smajtu l-alarm. Skużani Sil. Nieħdu issa?"
"Għal lum ħallih imma minn għada nibda' nċempillek."
"Iva aħjar hekk ma jmorrux jibdew iraqqduni."
Smajt lil Pawlu jgħajjtilha. "Dav, dawn mhux il-pirmli li tagħak it-tabib il-bieraħ?"
"Iva, dawk huma."
"Mid-dehra għalxejn xtrajthom  għax lanqas waħda m'għadek ħadt."

30.04.18

Krystle Kri

Comments
* The email will not be published on the website.
I BUILT MY SITE FOR FREE USING