15. Picnic
Bħal kull nhar ta' Sibt filgħodu, Patrick u jien konna qed nieħdu kafe u ngħidu kelma flimkien. Sakemm it-tfal kienu għadhom riqdin konna qed nippjanaw kif se nqattgħu l-Ħadd.
"Dan il-bieb?" Staqsietni Patrick.
"Ma smajt xejn."
Fil-pront erġajna smajna taħbita fil-bogħod.
"Sewwa smajt,"għidt lil Patrick waqt li qomt u mort nara min ġie. Hekk kif ftaħt il-bieb sibt lil Pawlu. "Bonġu Pawl, idħol."
"Bonġu Sil. Jaqaw qajjimtkom?"
"Le, x'qajjimt. Anzi ħsibna li qed nisimgħu ħażin daqs kemm ħabbat bil-mod. Ejja fil-kċina hemm Patrick ukoll."
"Grazzi."
Mexa warajja u bqgħajna diħlin fil-kċina.
"Min ġie Sil?"
"Hawn Pawlu."
"Bonġu Patrick, skużani li ġejt niskomodakom minn issa."
"U mur l'hemm min jisimgħak." qallu Patrick. "Poġġi, poġġi."
"Trid kafe jew te'?" Staqsejtu.
"Grazzi Sil imma mgħaġġel. Ġejt hawn b'ħarba għax għada ġejja n-neputija ma' l-għarus minn Għawdex u twebbilt li noħodhom picnic. Propjament ġejjin iġibulna l-invit tat-tieġ imma kif ikunu hawn ingawdihom ftit."
"Ħeq le, sewwa tagħmel."
"Imma ġejt hawn biex nara tridux tiġu magħna? It-tfal jieħdu gost il-Buskett."
Patrick ħares lejja u mill-ħarsa tiegħu indunajt li Pawlu kien għadu kif solvilna l-problema. Tgħajt tnejn b'rasi biex nurih li qbilt.
"Grazzi Pawl," wieġbu Patrick, "niġu bil-qalb kollha."
"Grazzi intom. Mela narakom għada xi l-għaxra u nofs. Ħa nmur għax Davida lanqas biss taf li ħriġt."
Sebaħ I-Ħadd filgħodu u t-tfal kienu entużjasti biex nitilqu u aħna mhux b'inqas minnhom. Kollha kemm aħna kellna bżonn l-arja pura tal-Buskett. Il-karozza bas-soltu kienet ippakjata kemm bl-ikel kif ukoll bil-logħob għax Gabriel kien ġab l-'scooter' u l-ballun u żgħira ġabet ir-rota u l-ħabel.
"Tgħid hemm żrinġijiet?" Staqsa Gabriel.
Michaela ħarset lejh u b'eloġju sħiħ qaltlu, "Il-Miss qaltilna li l-Buskett ikun hemm ħafna żrinġijiet jekk ikun hemm ħafna ilma. U qaltilna ukoll li ma nistgħux naqbduhom."
"Imma l-Miss mhux se tkun il-Buskett," weġibha ħuha.
"Imma mhux sew. Hux vera ma'?"
Tbissimt għax iġġustajta tirraġuna, "Oħtok għandha raġun Gab, jekk tinqabad teħel ċitazzjoni."
"Ċitazzjoni x'inhi?" Staqsiet It-tifla.
"Ċitazzjoni hi bħala kastig meta ma tobdix il-liġi. Jekk tinqabad ma tobdix trid tħallas il-flus." Pruvajt nispjegala b'mod li tipprova tifhem.
Imbgħad daret fuq ħuha u qaltlu," Ma naħsibx li trid teħel ċitazzjoni inti, għax m'għandekx flus biżżejjed biex tħallas mill-karus."
Għal dan il-kumment ta' Michaela, jien u Patrick infqgħajna nidħku. Kienet għadha żgħira imma moħħha kienet tħaddmu. Bil-mod il-mod wasalna l-Buskett u taħt it-tinda sibna lil Davida, l'Pawlu u neputija ta' Pawlu ma' l-għarus jistennewna.
"IIIII ara Silvana, Pawl." Għajtet Davida.
"Lilhom konna qed nistennew qalbi." Qallha Pawlu hekk kif ersaqna lejhom. "Il-bieraħ filgħodu mort ngħidilhom, ridt nagħtijilek sorpriża."
"U rnexxiet. Grazzi Pawl."
"Ilkom tistennew?" Staqsha Patrick lil Pawlu.
"Le, issa pparkjana." Ġibed lin-neputija lejh u, "Manwela, dawn il-ħbieb tagħna Patrick, Silvana u tfal Michaela u Gabriel," imbgħad dar fuqna u qalilna, "Din in-neputija tiegħi Manwela u dan Thomas l-għarus tagħha."
Ħadna b'idejn xulxin u qbadna mixjien. It-tfal bdew jieħdu gost jiġru wara xulxin u jilgħabu ma' Thomas u Manwela. F'ħin minnhom daqq il-mowbajl ta' Thomas u qalilna li kellu jiġi ħuħ sa ħdejna.
"Ejja nmorru ħdejn iż-żrinġijiet." Qal Gabriel.
"Ġa għidnilek li ma tistgħax taqbadhom."
"U int min qallek li se naqbadhom, jien narahom irrid." Qal Gabriel lil oħtu, imbgħad dar fuqi u "Ma nistgħu nmorru?"
"Agħtuni ċans ħa mmur sal-latrina u x'ħin niġi, noħodkom."
"Jien ġejja miegħek." Qabżet fil-pront Davida. Thomas resaq fil-qrib u ,
"Jekk ma tiddejjaqx noħodhom jien ħdejn iż-żrinġijiet."
"U le, għax iġennuk."
"Minn qalbi qed noffrrilek."
"Ok mela, grazzi."
U f'daqqa waħda smajt lit-tfal iwerżqu bil-ferħ waqt li telqu wara Manwela u Thomas. Jien u Davida ħallejna lil Patrick u l'Pawlu waħedhom u tlaqna lejn il-latrina. Kif wasalna sibna kju mhux ħażin u qagħdna hemm nistennew sakemm imissna.
F'ħin minnhom Davida telqet b'ħeffa minn ħdejja. Bla ma naf għala mort warajha. "Ma tistħix, ja viljakk." Għajtet waqt li ġibdet il-ġuvni li kien hemm quddiemha. Kif dar inħsadt, quddiemna kien hemm Thomas ma' tfajla oħra, "Xiex?" Staqsha
"Xiex??? Din min hi? Ma tistħix tiftiehem ma' tnejn hawn."
"Imma stenn..."
"Stenn xejn, għidtilha lil din li wasalt biex tiżżewweġ?"
"Imm..."
"Ħa morru lura u nikxfek. Ara vera żibel int."
Minn warajna smajna lil xi ħadd jgħajjat "Bertttt." U kif dorna ħsibna li qed naraw doppju, minn warajna kien ġej Thomas. Dak li Davida tagħat ħasla ma kien ħadd għajr Rober, ħuħ it-tewmi.
09.05.18
Kri