Telebejgħ
Illum l-ewwel ġurnata ta' l-iskola u t-tfal vera kienu ħerqanin biex imorru. Għal kuntrarju tagħhom jien ma kontx daqshekk entużjasta. Vera li kienu jmorru skola Sajf imma kull ma kellhom tlett darbiet f'ġimgħa.
M'hemmx x'tagħmel kollox għandu r-rutina tiegħu. Waqt li kont sejra d-dar bdejt naħseb x'kont se nsajjar. Bil-fixkla bqgħajt dieħla f'Daniela. "Skużani Dan, ma rajtekx."
"Tinkwetax Sil, għax lanqas jien ma naf fejn jien sejra dalgħodu."
"Ġaralek xi ħaġa? Nista' ngħinek?"
"Uuu, bħal issa maħruqa għal Davida. Għandi aptit niżbrana."
"Mela x'għamlitlek?"
"Dik il-ġimgħa l'oħra konna qed nixtru mingħand Mananni, u waqt li kont qed nistenna ħarist lejn it-televixin u tat-telebejgħ kien qed jirreklama lożor, u taf int, peress li jien naħdem ma tantx ikolli ċans immur nixtri u apparti li kienu sbieħ, bħala prezz kienu tmien settijiet għal ħamsa u tletin ewro. Qbadt u ċempilt biex nordnahom imma l-problema għax qaluli li filgħodu biss setgħu iġibuwhomli, għidtlu jżomm il-linja biex nistaqsi l'Mananni setgħatx iżżommhomli hi. Lanqas biss laħqet wieġbitni għax Davida qabżet fin-nofs u qaltli,
"Agħtihom l-indirizz tiegħi, issa nżommomlok jien."
Ħarist lejn Mananni u xejret idejha biex turini li mhux se tieħu għaliha b'daqshekk." Waqt li Daniela qed tirrakkuntali tbissimt u għidtilha, "Iva, għandha ħabta taqbeż fin-nofs, imma miskina, dik biex tgħin."
"Biex tgħin sabiħ, Agħtini ċans ħa nkomplilek. Mela jien il-belha tgħajthom l-indirizz tagħha l-Ġimgħa filgħodu kellhom joħduhomlha d-dar. U ftehmna li llum filgħodu nmur niġborhom peress li ma kontx xogħol. Dalgħodu mort niġborhom kif wegħedta u flok tmien settijiet tagħtni erbgħa, qaltli li kienu għoġbuha u li l-erbgħa l'oħra ħa żżommhom hi, il-wiċċ il-vili qaltli,
"Naf li tmienja ħafna għalikom u kienu se jkunu imbarazz għalik. Hekk ħlistek minnhom."
Bqgħajt ċassa nħares lejha, ħadthom u tlaqt l'hemm għax aħjar milli n-nittifha bħal issa."
"Daniela, Daniela," smgħajna l'Davida tgħajjat minn naħa l-oħra tat-triq. "Issa ikkalma Dan u ara x'se tgħidlek," għidtilha minn taħt l-ilsien. Minn hemm u minn hawn qasmet u ġiet ħdejna, "Isma' Dan ġejt infakkrek li l-ħamsa u tletin ewro tal-lożor għadek ma tgħajthomlix."
Ma dan il-kliem ta' Davida baxxejt rasi u tlaqt l'hemm.
20,09,17
Kri